Id-Direttiva
dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fl-elettriku
tad-19 ta’ Diċembru 1996 kienet timmarka l-bidu tal-proċess
formali tal-integrazzjoni tas-suq għall-elettriku fil-livell tal-UE. It-Tielet
Pakkett dwar l-Enerġija u l-konklużjonijet tal-Kunsill Ewropew
tal-4 ta’ Frar 2011 taw għodod ġodda u spinta ġdida
lill-proċess.
Filwaqt li diġà sar progress sinifikanti lejn
l-istabbiliment tas-Suq tal-Elettriku Intern, għad hemm bosta ostakoli li
għandhom jingħelbu qabel ma jinkiseb suq tassew integrat għall-elettriku
fl-UE: l-adozzjoni u l-implimentazzjoni
sħiħa tal-Kodiċi tan-Netwerks żviluppati mill-2011, l-integrazzjoni effiċjenti
u sikura tal-ġenerazzjoni intermittenti marbuta mas-sorsi tal-enerġija
rinovabbli, u l-implimentazzjoni ta’ qafas regolatorju stabbli għall-iżvilupp
ta’ infrastrutturi ġodda għan-netwerk trans-Ewropew.
Id-Dipartiment tal-Elettriku tal-ACER huwa
maqsum f’erba’ oqsma ta’ ħidma, li kollha kemm huma għandhom l-għan li
jappoġġjaw il-proċess ta’ integrazzjoni tas-suq:
Linji Gwida Qafas u Kodiċi tan-Netwerk
Inizjattivi Reġjonali għall-Elettriku
Żvilupp tal-Infrastruttura u n-Netwerk
Monitoraġġ tas-Suq
Bl-għajnuna tal-isforz sostnut tal-ARN u l-appoġġ
kontinwu tal-partijiet interessati kollha, id-Dipartiment tal-Elettriku
tal-ACER huwa determinat li jilqa’ l-isfidi kollha assoċjati mal-ħolqien ta’
suq tal-elettriku Ewropew li jiffunzjona tajjeb, li huwa kompetittiv, sikur u
sostenibbli, li jwassal benefiċċji tanġibbli lill-konsumaturi Ewropej.